Naħseb li kulħadd ikun jixtieq l-ferħ ta’ Kristu Irxoxt. Dan allura għax ma jseħħx?
Nispera li dan l-awguri ma huwiex biss drawwa. Il-ferħ tal-Għid ma jseħħx għax aħna ikollna rasna iebsa u nkunu egoisti. Sirna ma nafux ngħixu ma xulxin. Dejjem trid tgħaddi tagħna u ma nirrispettawx lil ħaddieħor.
Naħseb li ngħid jien biss huwa tajjeb. Meta tidħol is-suppervja jbagħtu ħafna n-nies ta’ madwarek. Hawn min jaħseb u jilgħaba ta’ Alla. Dak li jgħid hu biss huwa vera u ġust. Ma nafux li b’dan l-atteġjament kemm nagħmlu l-ħajja infeliċi għal ħaddieħor. Bi skuża tal-maġġoranza inkunu qegħdin inweġġgħu lil ħaddieħor. L-ipokrezija hija li mbagħad meta inwarbu lil min ikun minn taħt, nibdew ngħidu jaħasra, kif marad, miet...
Il-Mulej lid-dixxipli bagħthom tnejn tnejn biex jieħdu ħsieb xulxin u jiffurmaw familja/komunita. Hu hekk Hu (Ġesu) jkun jista jgħix f’nofshom għax Ġesu stess qal li fejn tnejn jew tlieta jkun miġburin f’ismi hemm inkun Jien f’nofshom.
Jalla id-dawl ta’ Kristu Irxoxt jurina t-tebgħat li nagħmlu b’mod speċjali lill-oħrajn u ma nibqgħux nirraġunaw li għax aħna komdi nistgħu indejqu u nweġġgħu lil xulxin. F’dinja ta’ kulħadd jalla ngħixu ferħana fil-Mulej u inħallu lil ħaddieħor ikun ferħan.
P. Martin D. Schembri
Kappillan