Dwarna | It-Tmexxija tal-Parroċċa - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Dwarna

It-Tmexxija tal-Parroċċa

Il-Karmelitani kienu ilhom jieħdu ħsieb l-inħawi ta' Fleur-de-Lys sa minn meta ġew f'Santa Venera fis-sena 1913. Wara l-gwerra, fl-1947 huma bnew knisja dedikata lill-Madonna tal-Karmnu u l-kunvent. Fis-sena 1949 il-Ġeneral tal-Ordni, Patri Kiljan Lynch fired il-komunità ta' Fleur-de-Lys minn ta' Santa Venera u għamilha indipendenti. L-ewwel komunità kienet magħmula minn Patri Alfons Zammit, Pirjol, Patri Ġorġ Borg, Patri Daniel Sammut u Fra Ġwann Bonnici.

Fil-25 ta’ Jannar 1975 il-Fleur-de-Lys sar parroċċa. Il-limiti tal-parroċċa kienu meħuda minn dawk tal-Parroċċa ta’ Santa Venera flimkien ma xi ftit familji mill-Parroċċa ta’ Sant’Elena. L-ewwel kappillan kien Patri Amadeo J. Zammit O.Carm. Fl-10 ta’ Frar 1991 meta l-parroċċa kienet taħt it-tmexxija ta' Patri Anthony Parnis O.Carm, il-limiti tal-Parroċċa kienu estiżi b’żieda ta’ familji mill-parroċċi ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, l-parroċċa ta’ Santa Venera u l-Parroċċa ta’ Sant’Elena.

Il-Pirjol Provinċjali Patri Joseph Saliba O.Carm u l-kunsill tiegħu, fil-Kapitlu Provinċjali tas-sena 2021 iddeċidew li jirrinunzjaw għat-tmexxija tal-parroċċa minħabba nuqqas ta' patrijiet. Minufih bdew diskussjonijiet ma' Mons Arċisqof Charles J. Scicluna biex il-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu u l-kumpless anness magħha jgħaddu għand l-Arċidjoċesi ta’ Malta għall-użu pastorali tal-istess parroċċa. Mit-Tnejn 9 ta’ Jannar 2023, il-kura pastorali tal-poplu t’Alla miġbur fil-parroċċa ta’ Fleur-de-Lys waqgħat taħt ir-responsabiltà diretta tal-Kleru djoċesan.

Illum il-parroċċa hija mmexija minn Dun Daren Pace Amministratur Parrokkjali u bl-għajnuna ta' Patri Martin D. Schembri O.Carm u Patri Damian Cachia O.Carm.



Dun Darren Pace twieled fil-11 ta’ April 1980. Hu rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola primarja tal-Mosta u s-Seminarju Minuri. Temm l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta u ġie ordnat saċerdot fit-30 ta’ Ġunju 2006. Hu serva f’diversi parroċċi fosthom l-Immakulata Kunċizzjoni l-Ħamrun, l-Imsida, Bormla, Ħal Għargħur u l-Gżira. Dun Darren hu terzjarju profess fl-Ordni Karmelitan u hu assistent direttur spiritwali ta’ diversi fergħat tat-Terz Ordni Karmelitan.
Patri Martin twieled il-Belt Valletta fid-19 ta' Frar, 1953. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta' Stella Maris, il-Gżira, u fis-Seminarju Minuri, il-Furjana. Fl-1969, Patri Martin daħal fl-Ordni Karmelitan, fejn għamel il-Professjoni Solenni fl-1975. Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-INSERM u għamel sena ta' studji bibliċi fl-Istitut Pontifiju Bibliku ta' Ruma.

Ġie ordnat saċerdot fid-9 ta' Lulju, 1978. Wara xi żmien fil-kunvent ta' Fleur-de-Lys huwa ntbagħat fil-kunvent tal-Belt Valletta, fejn kien diversi drabi pirjol. Kien ukoll Kunsillier Provinċjali. Wara 32 sena fil-Kunvent tal-Belt, fis-sena 2012 Patri Martin kien mibgħut fil-Kunvent ta' Fleur-de-Lys. Fit-28 ta' Frar 2014, Patri Martin kien maħtur bħala l-kappillan tal-Parroċċa ta' Fleur-de-Lys u baqa' kappillan sal-Ħadd 8 ta' Jannar 2023, meta l-parroċċa għaddiet għand l-Arcisqof.
Patri Damian Cachia twieled il-Ħamrun nhar id-19 ta' Marzu 1934. Huwa studja fil-Mount Carmel College li dak iż-żmien kien għadu allokat fil-kunvent tal-Karmnu tal-Belt. Wara li spiċċa l-istudji tiegħu, Patri Damian issieħeb mal-Ordni Karmelitan fejn kompla jistudja għal saċerdot, u fi ħdan l-istess Ordni huwa pprofessa l-voti tal-Kastita', Faqar u Ubbidjenza, nhar l-14 ta' Ottubru, 1951. Sitt snin u ħames xhur wara, jiġifieri nhar it-22 ta' Marzu 1958, Patri Damian ġie ordnat saċerot minn Mons Arċisqof Mikiel Gonzi, fil-Kon-Kattidral ta' San Ġwann. Kif sar Saċerdot huwa laħaq Direttur tat-Terzjarji Karmelitani Fergħa San Ġiljan, kif ukoll Chaplain taż-Żghażagħ Ħaddiema Nsara ta' San Ġiljan u tal-Gżira.

Fl-1967 huwa laħaq Pirjol tal-Kunvent tal-Fgura fejn dam tliet snin u wara laħaq għal tliet snin oħra Pirjol tal-Kunvent tal-Balluta. Bejn is-sena 1968 u 1974, Patri Damian kien ukoll Direttur Provinċjali tat-Terzjarji Karmelitani tal-Provinċja ta' Malta.

Patri Damian kien l-ewwel Kappillan tal-Balluta. Huwa beda l-ħidma tiegħu bħala Kappillan nhar is-16 ta' Ġunju 1974, fil-ġurnata li l-Knisja tal-Karmnu bdiet tamministra bħala Parroċċa. Huwa dam kappillan sas-sena 1982.

Wara xi żmien fil-kunvent tal-Imdina, fis-sena 2006 Patri Damian kien mibgħut mill-Provinċjal fil-komunità ta' Fleur-de-Lys.

Patri Damian kien jippreżenta diversi programmi fuq Radju Marija. Minkejja l-eta tiegħu Patri Damjan għadu jgħati s-servizz regolari f'diversi djar tal-Anzjani. Huwa ippublika diversi kotba bit-titlu: Il-Verita' Teħliskom.