Dwarna | San Piju ta' Pietrelcina - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Dwarna

23 ta’ Settembru - San Piju ta’ Pietrelcina

Illum il-knisja tagħmel it-tifkira ta’ San Piju ta’ Pietrelcina, patri tal-Ordni tal-Franġiskani Minuri Kapuċċini. San Piju qeda lill-poplu ta’ Alla bit-talb u bl-umiltà. Huwa sar jixbah f’kollox lil Kristu msallab u rċieva wkoll is-sinjali tal-passjoni tal-Mulej f’ġismu. Il-ħajja ta’ dan il-qaddis hafna jafuha għax miet fit-23 ta’ Settembru 1968.

Ghalhekk illum ser naqsmu magħkom dak li jgħidilna San Piju tal-Pjagi dwar il-Quddiesa:

1. Il-Quddiesa hija l-għaqda sħiħa bejn Ġesù u jien.

2. Meta nqaddes, il-Ġenna kollha tkun qrib l-altar.

3. Leġjuni ta' anġli jattendu l-quddiesa tiegħi.

4. L-anġli madwar l-altar jaduraw u jħobbu.

5. Il-Verġni mqaddsa tassistini.

6. Insofri l-aktar mill-Konsagrazzjoni sat-Tqarbin.

7. Meta nitqarben immut mistikament.

8. L-Ewkaristija tagħtina idea tal-għaqda li għad ikollna fil-Ġenna.

9. Il-Quddiesa lil Alla tagħtih glorja infinita.

10. Il-Quddiesa tirriġenera d-dinja.

11. Ma tistax tgħodd il-frott li nirċievu fil-Quddiesa. Dan inkunu nafuh biss fil-Ġenna.

12. Kieku nafu kemm il-Quddiesa togħġob lil Alla, inkunu lesti nirriskjaw ħajjitna biex inkunu preżenti għal Quddiesa waħda.

13. Fil-Quddiesa nsofri dak li sofra Ġesù mill-Ġnien sas-Salib. It-tbatija tiegħi hi insinjifikanti meta mqabbla mat-tbatija li sofra Ġesù. It-tbatijiet tiegħi huma tant akuti li ma tistax tiddeskrivhom jew timmaġinahom.

14. Li kieku n-nies japprezzaw il-valur tal-Quddiesa, ta' kuljum ikun hemm bżonn ta' uffiċjali tat-traffiku mal-bibien tal-knisja biex iżommu l-ordni minħabba l-folol.

15. It-tqarbina tiegħi hija għaqda ma' Ġesù, bħalma żewġ xemgħat jingħaqdu flimkien u ma tagħrafx waħda minn oħra.

16. L-altar imqaddes, il-magħsar tal-inbid tal-Knisja, fejn mid-demm ta' dik l-għenba ikun distillat l-inbid imqaddes.

17. Il-Quddiesa hija parteċipazzjoni sagra fil-passjoni ta' Ġesù. Kulma sofra Ġesù fil-Passjoni insofrieh jien ukoll sakemm huwa possibbli li jagħmel hekk il-bniedem. Dan mhux mertu tiegħi iżda għalkollox minħabba t-tjubija tiegħu.

18. Kull Quddiesa li nisimgħu b'devozzjoni, tipproduċi f'ruħna effetti meraviljużi, abbundanza ta' grazzji spiritwali u materjali li aħna stess ma nafux bihom.

19. Hi eħfef għad-dinja li teżisti mingħajr ix-xemx milli mingħajr is-sagrifiċċju mqaddes tal-Quddiesa.

20. Isma' l-Quddiesa bl-istess mod li l-Verġni Marija ġabet ruħha fuq l-Għolja tal-Kalvarju taħt is-salib.

Wara li taqra dawn... kif tista' titlef Quddiesa oħra?

(Dawn il-ħsibijiet dehru fil-Leħen tal-Ħadd 12 ta’ Settembru 2021 u kienu miġbura minn Michael Zammit)