Riżorsi | Kwarantuni - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

Kwarantuni

Fid-dinja ċerti kliem huma sbieħ imma maż-żmien u bl-għażż baqgħu kliem sabiħ li tilfu l-iskop tagħhom; mal-kliem jista' jkun hemm drawwiet li tilfu s-sens tagħhom.

Xi kultant ġejna kliem biss. Nitkelmu fuq riforma. Meta taqra l-ħajjiet tal-qaddisin, dawn ma kellhomx ħafna kliem tqil u bombastiku imma kellhom ħajja ta' talb u t-talb tagħhom kien veru. Ma kienux dawk li dejjem inaqqsu għax idejjaqhom kollox, imma kienu jagħmlu l-prattika tar-reliġjon b'ċerta adorazzjoni lejn Allu u ħuthom il-bnedmin. Meta tara l-kwarntuni kif saru llum donnok titfixkel. L-ewwel nett kif bdew u min għamilhom? Is-saċerdot li bdiehom kien Giovanni Antonio Bellotti, (1572) u kompla jorganizzhom Sant'Antonio Maria Zaccaria. L-iskop kien biex ifakkru l-40 siegħa li Ġesu, ir-Redentur baqa' fil-qabar. Dawn il-kwaranturi kienu għall-qalb ħafna San Filippu Neri, li ordna lill-patrijiet tiegħu biex jgħamluhom darba fix-xahar. Terġa' San Filppu Neri kien jgħamilhom b'sawma sħiħa li fiha kien jiekol biss darba fil-ġurnata ħobż u ilma.

Il-kwaranturi hawn Malta f'ħafna knejjes kienu jsiru jew fil-festa tal-Milied jew għal-Għid il-Ħamsin jew f'Ġunju ix-xahar tal-qalb ta' Ġesu. Naħseb li din is-sena f'xi postijiet ma sarux. Għalhekk anke permezz ta' dan il-“ġurnal Kattoliku” għandha ssir insistenza u tħeġġeġ fuq il-preżenza reali ta' Ġesu fl-Ewkarisija. B'mod speċjali fis-Sagrament tal-Ewkaristija.

Jiena nibża' (nispera li jien żbaljat) li sirna nagħtu enfasi lis-seminars, konvenji u diskussjonijiet aktar milli l-qima lejn l-Ewkaristija. Dan jidher ċar ħafna anki meta tara purċissjoni tas-Sagrament li donnok tħossha bħas-soltu u bil-fors. Fil-festa tar-raħal naraw ħafna armar u għall-Ewkarisija kważi xejn.

Nixtieq li dan il-ġurnal Kattoliku f'kull ħarġa jinforza l-qima lejn ta' dan is-Sagrament, l-Ewkaristija.

Patri Martin D. Schembri O.Carm
Kappillan

Dan l-artiklu deher l-ewwel darba fil-'Leħen' tas-Sibt 5 ta' Settembru 2020.