Riżorsi | Fatima u Labtu tal-Madonna tal-Karmnu - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

Id-Dehriet f'Fatima u Labtu tal-Madonna tal-Karmnu

Il-ġrajja tad-dehriet tal-Madonna ġewwa Fatima tmur lura għal mitt sena ilu, sewwa sew fit-13 ta' Mejju 1917 ġewwa Cova da Ira, f'Fatima fil-Portugal fejn għall-ħabta ta' nofsinhar, Sinjura Bajda u sabiħa dehret fuq siġra qasira tal-ballut lit-tliet it-tfal ragħajja. Dak il-ħin kienu qegħdin jirgħu n-nagħaġ. It-tfal kienu Franġisku li kellu 9 snin u oħtu Ġaċinta li kellha 7 snin kunjomhom Marto u l-kuġina tagħhom Luċija de Santos li kellha 11-il sena. Din is-Sinjura sabiħa wegħdithom li hi se tibqa' tiġi hemm kull 13 tax-xahar għal sitt darbiet u kull darba tgħaddilhom messaġġ u tgħidilhom x'għandhom jagħmlu għaliha. Bla dubju dawn id-dehriet qanqlu diversi reazzjonijiet differenti. Ġewwa Fatima kien hemm minn emmen u laqa' il-messaġġ tat-tfal li s-Sinjura s-Sabiħa qaltilhom, biex jitolbu kuljum r-rużarju għall-konverżjoni tal-midinbin u jagħmlu saġrifiċċju ukoll għalihom. Oħrajn raw dawn id-deħriet bħala ħrafa tat-tfal jew ta' xi persuni adulti li kienu qegħdin jinqdew bit-tfal biex jgħinu lill-knisja li 'f'dak iż-żmien kienet għaddejja minn żmien diffiċli minħabba tfixkil mill-awtoritajiet ċivili tal-Portugal. Bla dubju it-tliet it-tfal ta' Fatima batew ħafna f'din is-sitwazzjoni tant li saħansitra fit-13 ta' Awwissu spiċċaw arrestati fid-dar tal-kunsill tal-Belt f'Villa Nova de Ourem wara li s-sindku tal-belt daħalhom f'nasba biex iġagħlhom jikxfu s-sigriet li s-sinjura kienet qaltilhom. It-tfal dak inhar beżgħu ħafna għalkemm ma ċedewx għat-tħedid anzi offrew kollox għall-konverżjoni tal-midinbin u għall-bżonijiet tal-Papa. Id-dehra f'dan ix-xahar saret fid-19 ta' Awwissu f'post imsejjah Los Valinhos.

Imma fejn jidħol il-Karmelu f'dan kollu? Kien propju fl-aħħar dehra tat-13 ta' Ottubru 1917 meta is-Sinjur s-Sabiħa wegħdet lit-tliet itfal li kienet se tagħmel miraklu kbir biex n-nies temmen li veru kienu qegħdin iseħħu d-dehriet u li kienet se tgħidilhom l-isem tagħha. Il-jum tas-Sibt 13 ta' Ottubru 1917 kien jum ta' temp ikrah b'xita qawwija u għal tul ta' ħin iżda ma qatgħetx il-qalb ta' madwar 70,000 elf ruħ li ġew minn kull imkien għax semgħu b'dak li kien se jiġri u xtaqu jkunu preżenti. Ftit wara t-tokki ta' nofsinhar fuq il-balluta qsajra ġewwa Cova da Ira reġgħet dehret is-Sinjura s-Sabiħa bħal qabel. U kif wegħdithom hi qaltilhom min kienet: Jiena l-Madonna tar-Rużarju u talbithom biex jitolbu kuljum r-Rużarju. Imbagħad seħħ il-miraklu mistenni fejn il-Madonna ftit ftit bdiet tiegħla s-sema b'idha miftuħa u li dawn irriflettew fuq ix-xemx. U Luċija ndunat lix-xemx bdiet tiċċaqlaq. Ix-xita waqfet f'daqqa waħda u x- xemx daret dawra tond fuqha nfisha għall-tliet darbiet u bdew ħerġin raġġi ta' kuluri differenti. Bla dubju n-nies li raw dan qabadhom biża' u paniku kbir! Dan il-fenominu dam madwar għaxar minuti. U tliet ragħajja ħdejn ix-xemx raw tliet dehriet qosra, dik ta' San Ġużepp bil-Bambin Ġesu', u l-Madonna ħdejhom u San Ġużepp u Ġesu' bdew jbierku d-dinja, u imbagħad raw lil Ġesu' U l-Madonna Addolorata u fl-aħħar rat il-Madonna liebsa l-libsa tal-Ordni Karmelitan u l-Bambin f'idha jnewlu lid-dinja il-labtu Imqaddes. Luċija meta kibret u ġiet mitlubha tagħti tifsira ta' dawn id-dehiet stqarret li dawn jirriflettu l-misteri tar-Rużarju tal-Ferħ, id-dehra tas-Sagra Familja, tat-Tbatija, d-dehra tad-Duluri u tal-Glorja d-dehra tal-Madonna tal-Karmnu.

Għaliex l-Madonna tal-Karmnu marbuta mal-misteri tal-Glorja? Għax dak li jwiegħed il-Labtu Imqaddes tal-Karmnu lil min jilbsu b'devozzjoni u jgħix ħajja tajba skont l-istat tiegħu, jaqla' bl-interċessjoni tal-Verġni Imbierka l-ħajja ta' dejjem! Suor Luċija stess kienet stqarret li r-rużarju u labtu tal-karmnu ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Iżda r-rabta mal-Karmelu u Fatima ma waqfietx mitt sena ilu fl-aħħar dehra. Iċ-ċkejknin aħwa Franġisku u Ġaċinta mietu f'qasir il-għomor b'mard li ħakimhom sentejn u tliet snin wara d-dehriet. Fit-13 ta' Mejju 2017, ġewwa Fatima l-Papa Franġisku ikkanoniżhom u għoddhom bħala l-iżgħar żewġ qaddisin mhux martri li għandha l-Knisja. U Luċija fl-eta ta' 14-il sena daħlet bħala border mas-sorijiet tad-Doritej ġewwa Porto u kompliet f'din il-kongregazzjoni sa kemm fit-3 t'Ottubru 1934, fil-kunvent f'Tui fis-Spanja ipprofesat bħala soru tad-Doritej bl-isem ta' Suor Marija tad-Duluri. (Maria das Dolores). Iżda fl-1946 hija żaret Fatima fil-Portugal u hawn ħasset is-sejħa li tingħaqad mas-Sorijiet Karmelitani tal-Kunvent ta' Santa Tereża f'Coimbra. Wara li qalgħet il-permesi meħtieġa hija għamlet il-professjoni tagħha fil-Karmelu ta' Coimbra fit-13 ta' Mejju 1949 u ħadet l-isem ta' Suor Maria Luċija ta' Ġesu' u tal-Qalb Immakulata. Il-missjoni tagħha fil-Karmelu kif stqarret hi stess kienet li tħeġġeġ kemm tista id-devozzjoni lejn il-Qalb Immakulata ta' Marija u li jsiru atti tat-tpattija għall-offiżi li tirċievi! Baqgħet fil-Karmelu ta' Coimbra għal 57 sena sa kemm għalqet għajnejha għad-dinja nhar 15 ta' Frar 2005. Fit-13 ta' Frar 2017, intemm il-proċess djoċesan għall-beatifikazzjoni tagħha.

Ma' dan wieħed jrid jżid jgħid li hemm rabta oħra ma' Fatima u l-Karmelu dwar it-tielet sigriet ta' Fatima li kien ippublikat mill-Papa Qaddis Ġwanni Pawlu II fis-sena 2000. San Ġwanni Pawlu II, Papa devot tal-Madonna u li fuqu sa minn ċkunitu dejjem libes il-labtu Imqaddes tal-Madonna tal-Karmnu stqarr li kien bl-interċessjoni qawwija tal-Madonna ta' Fatima , li hu kien salvat minn mewt żgura fl-attentat fuq ħajtu f'Pjazza San Pietru fil-Vatikan nhar it-13 ta' Mejju 1981. Il-bullet li nstab fil-Jeep li fuqha kien il-Papa kien mogħti mill-istess Papa Ġwanni Pawlu II lil Madonna ta' Fatima u b'deċiżjoni tal-Isqof ta' Fatima tpoġġa fin-nofs tal-Kuruna tagħha. Ta' min jgħid li dakinhar tal-operazzjoni wara l-attentat il-Papa Ġwanni Pawlu II ma ħalliex lit-tobba jneħħulu minn fuqu l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu. Fl-2007, il-labtu ta' Ġwanni Pawlu II kien iregalat lil Ordni Karmelitan mis-segretarju tiegħu l-Kardinal Stanislaw Dsiwisz, u jinsab f'Ruma. B'xorti qaddisa dan il-labtu, relikwija ta' San Ġwanni Pawlu II, kien fostna f'Malta u kien espost fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina, mit-23-24 ta' Lulju 2016. Bosta kienu dawk il-Maltin li żaru u talbu quddiem din ir-relikwa.

Jalla din ir-rabta qawwija bejn l-Madonna ta' Fatima u Labtu Imqaddes tal-Karmnu jħeġġuna biex aħna ukoll nilbsu b'devozzjoni din il-libsa tal-Madonna bħala att ta' konsagrazzjoni lejn il-qalb Immakulata tagħha. Għax kif wegħdet hi stess fl-aħħar il-qalb Immakulata tagħha tirbaħ! Il-labtu Imqaddes huwa sinjal ta' din ir-rebħa!

Dan l-artiklu, miktub minn Fr Darren Pace, kien deher l-ewwel darba fil-programm tal-festa tal-Parroċċa ta' Fleur-de-Lys tas-sena 2017.