L-Estensjoni tal-Knisja
2016 – Il-Proġett attwali
Bħalma kiteb Patri Serafin Abela O.Carm, fil-ktieb tiegħu "L-Karmelitani fi Fleur-de-Lys 1946-2000" matul is-snin saru ħafna pjanti u disinji li jinvolvu l-bini jew estensjoni tal-knisja parrokkjali tagħna. Għal xi raġuni jew oħra dawn qatt ma seħħew.
Fi Frar 2016, il-Provinċja Karmelitana Maltija aċċettat il-proposta għall-estensjoni tal-artal li tressqet lilha minn Patri Martin Schembri O.Carm f’isem il-Komunita Karmelitana ta’ Fleur-de-Lys fuq disinn tal-Perit Kurt Sammut Alessi. Il-kunċett li fuqu ġiet mibnija l-idea ta’ dan id-disinn huwa l-mant tal-Madonna li fl-ordni Karmelitan jissimbolizza kemm il-glorja tal-Madonna u fl-istess ħin il-protezzjoni li hija tagħti lil dawk li jilbsu l-iskapular tagħha. Il-presbiterju minn ġewwa ser jitwessa u ħa jinbena b’tali mod li ħa jkollu ħafna dawl naturali li jissimbolizza lil Ġesu id-dawl tad-dinja. Il-proġett jinkludi wkoll il-bini ta’ sagristiji ġodda, jagħti aċċess għal persuni b’diżabilità, bini ta’ Kappella tas-Sagrament u landscaping.
Wara li l-Provinċja Karmelitana Maltija aċċettat il-proposta kienet preżentata lill-Mons Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna li hu u kummissjoni nkarigata mid-Djoċesi approvaw dan il-proġett. Wara saret l-applikazzjoni għall-permess lil Awtorita tal-Ippjanar.
Fil-25 ta’ Jannar 2017, għeluq it-42 sena minn meta Fleur-de-Lys sar parroċċa, l-Awtorita tal-Ippjannar ippublikat l-avviż bin-numru PA/00356/17 li jfisser li saret l-applikazzjoni għall-permess skond il-liġi u li kienu tħallsu €14,649.72ċ għall-permess.
L-Awtorita tal-Ippjanar għamlet il-kontro-proposti tagħha u l-perit preżenta l-emendi mitluba u deċiżjoni dwar il-permess kienet imħollija għall-laqgħa tal-Board tat-8 ta’ Novembru 2017. Il-Board reġa’ talab li jsir xi tibdil ieħor u l-perit ser jerġa jagħmel xi emendi biex ikunu diskussi fil-laqgħa tas-6 ta’ Diċembru 2017.
Il-Proposti l-oħra li saru matul is-snin
L-Istorja kif irrakuntata fil-Ktieb “Il-Karmelitani fi Fleur-de-Lys 1946-2000” minn Patri Serfin Abela O.Carm
Sa minn qabel ma Fleur-de-Lys sar parroċċa, il-komunità Karmelitana, jiġifieri r-reliġjużi Karmelitani li kienu jamministraw il-knisja u l-kunvent fi Fleur-de-Lys, kienet preokkupata għal fatt li l-knisja kienet żgħira. Ġiet mibnija f’medda ta’ żewġ mezzanini, u ż-żgħażagħ u l-għaqdiet ma kellhomx fejn jiltaqgħu u għalhekk kienu jagħmlu użu mis-sagristija jew mill-kunvent.
1974
F’Diċembru tal-l974, il-komunita ta’ Fleur-de-Lys talbet lill-kunsill tal-provinċjal biex jawtorizza lil A.B.K.M. ( li kienet inkarigata mill-bini tal-Provinċja) tbiegħ biċċa mill-għalqa ta’ wara l-knisja ta’ Fleur-de-Lys biex bil-flus li ddaħħal tkun tista’ tiġi mkabbra l-knisja ta’ Fleur-de-Lys u jkun jista’ jinbena ċentru kulturali u soċjali. Il-kunsill għalkemm din l-ideja għoġbitu, talab aktar dettalji tal-pjanti u l-ispejjeż biex jiġu studjati u wara jkunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa. Il-A.B.K.M kienet kuntrarja li tinbiegħ art li tmiss mall-kunvent jew il-knisja.
April 1976 il-komunita flimkien ma Patri Amadeo Zammit Pirjol u kappillan tal-kunvent ta’ Fleur-de-Lys ippreżentaw talba flimkien ma pjanta tal-Perit Richard Aquilina biex itawwlu l-knisja tagħhom għall-aktar kumdita’ tal-parruċċani. Il-kunsill wara li studja l-pjanta aċċetta bil-kundizzjoni li tintbagħatlu l-istima uffiċċjali tal-perit biex ikun jista’ jgħati jew jitlob il-pennessi meħtieġa.
Fil-laqgħa tal-kunsill tal-Provinċjal li saret fs-27 ta’ Mejju 1977, il-Provinċjal (Patri Euġenio Tonna O.Carm.) semma’ l-kwistjoni tal-bini tal-knejjes ġodda.
Waqt li dawk tal-Belt u San Ġiljan kienu qorbu lejn it-tmiem u kellhom xi problemi li setgħu jsolvuhom, dawk tal-Fgura u ta’ Fleur-de-Lys kienu kategorija oħra. Tal-Fgura kienu daħlu għall-kuntratt ta’ Lm46,000 għal saqaf biss meta fil-kaxxa kellhom wisq anqas u l-possibilitajiet tal-ġbir ma kienux kbar, rigward il-knisja ta’ Fleur-de-Lys kienu għadhom qed jibdew jiġbru u għalhekk kien jaqbel li wieħed igħidilhom biex ma jgħaġġlux bi pjanti.
Il-Provinċjal kellem lill-komunita ta’ Fleur-de-Lys dwar il-bini tal-Knisja l-ġdida u fehemhom li l-permess li jibdew il-knisja ma kienx iffisser li l-komunita għandha dritt li tiffirma kuntratti li ma tiflaħx għalihom, mingħajr il-permess tal-kunsill tal-provinċjal u dan taħt piena ta’ nullita tal-kuntratt.
1978
Fil-laqgħa tal-kunsill tal-provinċjal 29 ta’ Ġunju 1978, is-segretarju, Patri Ugo Mallia qara ittra mibgħutha mill-komunita tal-patrijiet ta’ Fleur-de-Lys fejn kienet talbet biex tiġi approvata l-pjanta tal-knisja l-ġdida li tagħha kienu qed jibgħatu kopja. Il-provinċjal kellu jwieġeb lil komunita ta’ Fleur-de-Lys u jgħidilhom li billi s-somma kienet taqbeż il-kompetenza tal-kunsill, kienu se jitolbu l-permess tal-kurja Ġeneralizja. Biex jagħmlu dan kienu jridu:
A. Pjanta tal-Knisja bl-elevations interni u esterni
B. Rapport iffirmat mill-perit ingarigat.
Barra minn dan u mingħajr pregudizzju li dan seta’ joħloq xi preċedent, kien meħtieġ l-approvazzjoni tal-Bord djoċesan tal-Arti, tal-Kummisjoni Liturġika, kif ukoll il-permessi kollha meħtieġa mill-Gvem Ċivili. B’xi mod kellna niġbdu l-attenzjoni ta’ kulħadd biex dawn il-kundizzjonijiet li l-kunsill qiegħed jinponi fuq il-komunita ta’ Feur-de-Lys ikun jgħodd għall-kunventi kollha.
Fil-laqgħa tal-kunsill tal-provinċjal li saret fit-l8 ta’ Ġunju 1979, il-provinċjal Patri Manwel Gatt qal li l-ġimgħa ta’ qabel kienu marru jkellmuh il-pirjol, Patri Anthony Parnis u l-kappillan Patri Amadeo Zammit tal-kunvent ta’ Fleur-de-Lys u qalulu li l-eċċelenza tiegħu Mons Arċisqof Mikiel Gonzi kien talabhom il-pjanti tat-tkabbir tal-knisja u kopja tal-permess miċħud mill-P.W.D. biex jipprova jġibilhom il-permess hu. Il-Provinċjal, wara li wriehom bid-diffikultajiet li kellha l-provinċja minħabba l-knisja tal-Fgura talabhom biex joqgħodu attenti u jfittxu li ma jieħdu l-ebda deċizzjoni jew jagħmlu xi xogħol kemm għal-bini tal-knisja l-ġdida kif ukoll tat-tkabbir ta’ dik eżistenti.
1989
Fis-7 ta’ Marzu 1989 il-Provinċjal, Patri Leonard Mahoney O.Carrn għarraf lill-kunsill tiegħu dwar it-talba tal-komunita ta’ Fleur-de-Lys, jiġifieri li l-A.B.K.M. tbiegħ biċċa art kbira f’Għawdex u li bil-flus li ddaħħal tkun tista’ tiġi mkabbra l-knisja u jinbena Ċentru kulturali u soċjali. Il-Provinċjal, kompla jgħid li huwa kien mar flimkien ma Patri Serafin Abela u Patri Anthony Parnis għand in-Nunzju Appostoliku, Mons Luigi Celata, biex iwasslulu t-talba tal-kunsill dwar il-proġett ta’ Fleur-de-Lys u jitolbuh jgħinhom biex joħorġu l-permessi meħtieġa bla dewmien. Għalkemm jidher li hemm kawża suffīċjenti biex il-permess jingħata, jinħtieġ. skond in-Nunzju Appostoliku, li l-ewwel jiġu milħuqha ċerti kriterji mitluba.
Għaliex fallew dawn it-tentattivi kollha? Ir-raġuni prinċipali dejjem kienet il-flus. Biex tikber il-knisja jrid l-ewwel jitneħħa l-materjal kollu, hemm dislivel ta’ aktar min sular bejn il-knisja attwali u l-għalqa fejn trid tikber il-knisja. It-tneħħija ta’ dak il-materjal kollu jfisser li ser toħloq ħofra kbira u jekk tagħmel ix-xita din il-ħofra timtelgħa bl-ilma li jibqa’ sejjer fil-knisja attwali. Għaldaqstant, jekk ma jkunx hemm somma ta’ flus biżżejjed biex wara li jitbattal il-materjal jibdew tielgħin il-ħitan u tissaqqaf minnufih ma jistax jinbeda xogħol.
Rigward il-bini taċ-ċentru kulturali u soëjali iċ-ċirkostanzi kienu differenti. Kull ma kellu jitħaffer kien għal pedamenti u minnufih jibdew tielgħin il-ħitan. Jekk hemm il-flus ix-xogħol jitkompla u jekk flus ma hemmx ix-xogħol jieqaf bla ebda konsegwenzi. Fil-laqgħa komunitarja li saret fit-13 ta’ Ġunju 1988 li għaliha kienu preżenti l-pirjol Patri Karm Ferrante, Patri Anthony Parnis, kappillan, Patri Tumas Gatt, Patri Louis Bajada u Fra Lino Scalpello, wara li studjaw il-problema ddeėidew li jgħatu bidu għal proġett tal-bini taċ-ċentru u tkabbir tal-Knisja. L-istess komunita ddeċidiet li l-ewwel issir pjanta tal-proġett kollu imbagħad tibda bil-bini taċ-Ċentru.
Għalkemm il-kawża prinċípali li t-tentattivi li saru qabel fallew, fl-opinjoni umana tagħna, minħabba li ma kienx hemm flus jew kien hemm somma żgħira ħafna, fl-opinjoni tiegħi, fallew għax ma kienx għadu mn’Alla li jsir.
Fid-deċiżjoni li għamlet il-komunita karmelitana ta’ Fleur-de-Lys dwar dan il-proġett id-driegħ t’Alla deher mill-ewwel li ried iseħħ dan il-proġett. L-ewwel kontribut siewi sar mill-grupp ta’ periti Zammit and Zammit taż-Żurrieq li mhux biss għamlu l-pjanti imma anke mexxew ix-xogħol bla ħlas ta’ xejn. Wara li tlestew il-pjanti tal-bini kien imiss il-pjanti tad-dawl , ilma u drenaġġ li ġew magħmula ukoll b’xejn mill-inġinier Charles Pace, li ma kellux ix-xorti li jara x-xogħol lest.