Riżorsi | Esperjenza - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Riżorsi

Esperjenza

Hospital

Il-ħajja hija esperjenza kontinwa. Kull esperjenza għandha direzzjoni waħda, dik li twasslek lejn Alla. Alla li jieħu ħsiebna u d-dinja kollha; anki meta aħna naljenaw lilna nfusna minnhu. Hu xorta jieħu ħsiebna u b'xi mod jew ieħor jurina l-imħabba tiegħu.

Esperjenza li dan l-aħħar kelli kienet tmien t'ijiem l-isptar bla ħsieb. Rajt u ħassejt ħafna lil Alla b'mod speċjali f'dawk li jaħdmu l-isptar: kemm fil-Maltin kif ukoll fil-barranin. Forsi xi kultant mhux dejjem naraw din id-dedikazzjoni għax minħabba l-egoiżmu tagħna naħsbu li aħna biss il-morda u ma nindunawx li hemm ukoll morda oħra u li dawn iridu wkoll min jieħu ħsiebhom. Forsi naħsbu hekk għax għadna ma fhimniex biżżejjed it-talba li għallimna Ġesu stess. Il-Missier għandu ħafna ulied u għal kull wieħed minnhom għandu pjan. Ġieli forsi minħabba l-għejra nitilfu l-pjan tal-Missier. Lill-waħda pazjenta li bdiet tgerger jien għidtilha li dik l-infermiera għandha par idejn bħal tagħna u ma tistax taqdi lil għaxar persuni kollha f'daqqa. Esperjenza sabiħa oħra li kelli kienet wieħed raġel li qalli ejjew nitolbu bir-rużarju għax insejt kif tgħidu. Wara qalli niżilli għasel.

Iltqajt ukoll ma barrani li ma kienx kattoliku u qalli dak is-salib li hemm fil- ward ħassu li ġibdu iżjed biex jitlob — fih rajt lil Alla ħaj li jħobb lil kulħadd.

Grazzi talli tlabtu għalija. La għadni hawn għadni mhiniex tajjeb għal ġenna, mela għandi bżonn nikonverti u issa li qegħdin fi żmien ir-Randan żgur li ħa jgħini aktar nirrifletti fuq in-nuqqasijiet tiegħi u nindem.

P. Martin D. Schembri
Kappillan