Ir-Randan huwa żmien ta’ 40 jum qabel l-akbar festa li għandha l-Knisja Kattolika, iġifieri l-Għid il-Kbir. Il-bniedem minn dejjem biex jagħmel xi ħaġa jħobb jipprepara biex kollox imur skond ma jixtieq. Dan huwa ż-żmien tar-Randan – żmien ta’ preparazzjoni.
Illum qegħdin ngħixu fi żmien meta l-frott tax-xitla l-ħażina tas-sekularizazzjoni qiegħed jgħati ħafna frott (Sekularizzazjoni tfisser li dak kollu li hu sagru inneħħuh). Għalhekk f’dinja mgħaġġla bħal tallum il-preparazzjoni għall-Għid il-Kbir permezz tar-Randan hija meħtieġa.
Il-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku qiegħed iħeġġeġ ħafna l-qari tal-erbgħa Evanġeli, mhux kollha f’salt imma ftit kuljum. Naħseb li ma dawn hemm bżonn ta’ tqarbin iżjed fost il-ġimgħa. Hemm ukoll l-adorazzjonijet.
Jien mis-sena li għaddiet ‘l hawn bdejt nitlob kuljum bil-Via Sagra (it-Telgħa u l-Mixja) tal-14-il stazzjon. Lili ġabietni nagħraf aħjar lil Alla Ġesù f’ħajti u kemm għandi nirringrazzjah kuljum. L-aktar stazzjon tal-Via Sagra li qiegħed dejjem iħalli effett f’ħajti huwa t-tmien wieħed meta Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm. Ġesù jgħidilhom “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.” Nara lil Ġesù jgħid irranġaw lilkom infuskom. Messaġġ qawwi ħafna u tajjeb għar-Randan.
P. Martin D. Schembri O. Carm
Kappillan