Dwarna | Komunità Karmelitana - Parroċċa Fleur-de-Lys

Parroċċa Fleur-de-Lys

Dwarna

Komunità Karmelitana

Il-Karmelitani ilhom jieħdu hsieb l-inħawi ta' Fleur-de-Lys sa minn meta ġew f'Santa Venera fis-sena 1913. Wara l-gwerra fl-1947 huma bnew knisja dedikata lill-Madonna tal-Karmnu u kunvent. Fis-sena 1949 il-Ġeneral tal-Ordni, Patri Kiljan Lynch fired il-komunità ta' Fleur-de-Lys minn ta' Santa Venera u għamilha indipendenti. L-ewwel komunità kienet magħmula minn Patri Alfons Zammit, Pirjol, Patri Ġorġ Borg, Patri Daniel Sammut u Fra Ġwann Bonnici.

Illum il-Komunità hija magħmula minn Patri Martin D. Schembri bħala Pirjol u Kappillan u Patri Damian Cachia.



Patri Martin twieled il-Belt Valletta fid-19 ta' Frar, 1953. Irċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ ta' Stella Maris, il-Gżira, u fis-Seminarju Minuri, il-Furjana. Fl-1969, Patri Martin daħal fl-Ordni Karmelitan, fejn għamel il-Professjoni Solenni fl-1975. Huwa studja l-Filosofija u t-Teoloġija fl-INSERM u għamel sena ta' studji bibliċi fl-Istitut Pontifiju Bibliku ta' Ruma.

Ġie ordnat saċerdot fid-9 ta' Lulju, 1978. Wara xi żmien fil-kunvent ta' Fleur-de-Lys huwa ntbagħat fil-kunvent tal-Belt Valletta, fejn kien diversi drabi pirjol. Kien ukoll Kunsillier Provinċjali. Wara 32 sena fil-Kunvent tal-Belt, fis-sena 2012 Patri Martin kien mibgħut fil-Kunvent ta' Fleur-de-Lys. Fit-28 ta' Frar 2014, Patri Martin kien maħtur bħala l-kappillan il-ġdid tal-Parroċċa ta' Fleur-de-Lys u l-Pirjol tal-Komunità.
Patri Damian Cachia twieled il-Ħamrun nhar id-19 ta' Marzu 1934. Huwa studja fil-Mount Carmel College li dak iż-żmien kien għadu allokat fil-kunvent tal-Karmnu tal-Belt. Wara li spiċċa l-istudji tiegħu, Patri Damian issieħeb mal-Ordni Karmelitan fejn kompla jistudja għal saċerdot, u fi ħdan l-istess Ordni huwa pprofessa l-voti tal-Kastita', Faqar u Ubbidjenza, nhar l-14 ta' Ottubru, 1951. Sitt snin u ħames xhur wara, jiġifieri nhar it-22 ta' Marzu 1958, Patri Damian ġie ordnat saċerot minn Mons Arċisqof Mikiel Gonzi, fil-Kon-Kattidral ta' San Ġwann. Kif sar Saċerdot huwa laħaq Direttur tat-Terzjarji Karmelitani Fergħa San Ġiljan, kif ukoll Chaplain taż-Żghażagħ Ħaddiema Nsara ta' San Ġiljan u tal-Gżira.

Fl-1967 huwa laħaq Pirjol tal-Kunvent tal-Fgura fejn dam tliet snin u wara laħaq għal tliet snin oħra Pirjol tal-Kunvent tal-Balluta. Bejn is-sena 1968 u 1974, Patri Damian kien ukoll Direttur Provinċjali tat-Terzjarji Karmelitani tal-Provinċja ta' Malta.

Patri Damian kien l-ewwel Kappillan tal-Balluta. Huwa beda l-ħidma tiegħu bħala Kappillan nhar is-16 ta' Ġunju 1974, fil-ġurnata li l-Knisja tal-Karmnu bdiet tamministra bħala Parroċċa. Huwa dam kappillan sas-sena 1982.

Wara xi żmien fil-kunvent tal-Imdina, fis-sena 2006 Patri Damian kien mibgħut mill-Provinċjal fil-komunità ta' Fleur-de-Lys.

Patri Damian kien jippreżenta diversi programmi fuq Radju Marija. Minkejja l-eta tiegħu Patri Damjan għadu jgħati s-servizz regolari f'diversi djar tal-Anzjani. Huwa ippublika diversi kotba bit-titlu: Il-Verita' Teħliskom.